Filmat: Abela jitkellem dwar il-governanza tajba u l-immigrazzjoni fi Brussell

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-governanza tajba u l-immigrazzjoni f’sensiela ta’ laqgħat li kellu fi Brussell.

L-Uffiċċju tal-PM qal li Abela ltaqa’ mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, mal-President tal-Parlament Ewropew Davide Sassoli, u mal-MEPs Maltin fost l-oħrajn.

Abela tkellem dwar l-immigrazzjoni ma’ Sassoli. Kien hemm qbil li hemm bżonn soluzzjoni permanenti għal din l-isfida.

Ma’ Michel Abela tkellem dwar il-governanza tajba u r-rispett lejn il-liġijiet. Tkellem ukoll dwar il-Baġit Ewropew.

Abela ltaqa’ mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen fejn iddiskuta l-aħħar żviluppi f’malta b’rabta mal-governanza tajba u l-immigrazzjoni. Dwar l-immigrazzjoni kien hemm qbil li jinqasam il-piż bejn il-pajjiżi membri.

Hu ltaqa’ wkoll mal-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli u indirizza lill-ħaddiema ta’ Dar Malta fi Brussell.

L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa ltaqgħu mal-Prim Ministru Robert Abela fejn talbuh jieħu azzjoni immedjata dwar il-lista twila ta’ korruzzjoni fil-pajjiż. Huma ltaqgħu ma’ Abela fil-Parlament Ewropew fejn talbuh ukoll jassigura li ssir ġustizzja fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Intant, f’reazzjoni għal din l-istqarrija, il-Partit Laburista sostna li jkun aħjar jekk Metsola u Casa jaħdmu f’isem Malta minflok għall-interessi partiġġjani tagħhom. Il-PL qal li filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela qed jitkellem mal-istituzzjonijiet kollha Ewropej sabiex ikompli jwassal il-messaġġ li Malta qed taħdem qatigħ favur is-saltna tad-dritt u l-Governanza tajba, l-MEPs tal-PN, għażlu li jippolitiċiżaw laqgħa mitluba mill-Prim Ministru bħala sinjal ta’ rieda li jkun hemm aktar djalogu magħhom.