Filmat: “Abbandunawna fuq gżira jisimha Malta”

Ahmed Mohammed, l-aħħar baħri li kien għad fadal Malta mill-grupp ta’ seba’ baħrin li kienu abbord il-bastiment li nkalja max-xatt ta’ Fra Ben f’Jum San Pawl, qal ma’ Newsbook.com.mt li kien ilu ma jara lil familtu ħames xhur.
Ir-raġel, li huwa Eġizzjan, kien 2nd Engineer fuq il-bastiment. Miegħu kien hemm erba’ persuni oħra mill-Bangladesh u żewġ Russi li ntbagħtu lura dalgħodu, minħabba li kienu qed jgħixu f’Malta mhux b’mod legali.
Mohammed qal ma’ Newsbook.com.mt li tant laqtitu Malta li jixtieq li wara li jmur jara lil familtu jiġi jaħdem hawn.
Tul is-17-il ġurnata li ilhom Malta, il-baħrin ġew abbandunati kompletament mis-sid u mill-aġent tal-bastiment, Huma ma setgħux jitilqu minn Malta minn jeddhom, u ma setgħux jorqdu f’post ieħor ħlief fiċ-Ċentru tal-Baħħara, Dar M.V. Moor, li hi mmexxija mid-Direttur tal-Appostolat tal-Baħar u l-Kappillan tal-Port Ħieles, Fr Joe Borg.
Ma’ Newsbook.com.mt, Fr Borg spjega kif dalgħodu, l-irġiel ġew eskortati mill-Pulizija sabiex jittieħdu l-ajruport biex jaqbdu l-vjaġġ lura lejn pajjiżhom. Huwa qal kif bl-għajnuna tal-kumpanija tal-assigurazzjoni u l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tat-Trasport (ITF), il-baħrin irċevew il-pagi dovuti lilhom u l-passaġġ tal-ajru.
Fl-intervista, Fr Borg irringrazzja lill-Arċisqof tas-somma li tah sabiex ikun jista’ jospita lil dawn il-baħrin u anke lin-nies li taw xi donazzjonijiet waqt il-quddies. Kellu kliem ta’ ringrazzjament ukoll għal dawk li taw xi ħwejjeġ u oġġetti għall-ħajja ta’ kuljum, biex l-irġiel ikunu jistgħu jgħixu b’mod dinjituż sakemm jintbagħtu lura.
Id-Dar M.V. Moor hija residenza pjuttost ġdida li nfetħet f’Awwissu tal-2016 biex tintuża bħala ċentru tal-baħħara.