Filmat: Aaron jaffaċċja l-ikbar sfida ta’ ħajtu

Id-data tal-lum, il-Ħadd 18 ta' Jannar 2015, Aaron Camilleri ilu jistennieha xhur sħaħ.
Wara sena u tliet xhur jistenna lit-tobba jgħidulu meta jista' jerġa' jitla' l-Ingilterra għall-operazzjoni f'dahru, kmieni dalgħodu, Aaron siefer lejn l-Ingilterra ma' missieru biex nhar l-Erbgħa li ġej jagħmel l-operazzjoni li tista' tbiddillu ħajtu.
L-operazzjoni tal-iscoliosis suppost kellha ssir l-Ingilterra aktar minn sena ilu, jiġfieri f'Ottubru 2013, iżda tħassret minħabba li Aaron kellu pressjoni għolja u t-tobba bagħtuh minnufih lura Malta.
Minkejja li matul dawn id-dsatax-il sena Aaron għadda minn ħafna operazzjonijiet, ma' Newsbook.com.mt qal li din l-operazzjoni qanqlet fih ħafna emozzjonijiet differenti.
"Ninsab eċitat u mbeżża' fl-istess ħin għax qatt ma għamilt operazzjoni barra minn Malta."  
Kif qal hu stess fuq Facebook, l-operazzjoni hi l-ikbar sfida li qatt kellu sa issa.  Tul ix-xhur ta' stennija, jammetti li ħassu "bla saħħa, bla ħeġġa u kważi bla kuraġġ."
Il-kundizzjoni tal-iscoliosis ikkundizzjunatlu ħajtu: ġġiegħlu jbati biex jorqod, biex jieħu n-nifs, biex imur minn post għall-ieħor u fuq kollox, minħabba l-kundizzjoni spiċċa waqaf mill-iskola.

L-istorja ta’ Aaron spiċċat fil-midja wara li ommu Doreen tefgħet fuq Facebook ritratti ta' dahru u kitbet it-tbatija li qed jgħaddi binha ta' kuljum għaliex baqgħu ma semgħu xejn dwar meta se jkun jista’ jerġa’ jingħata t-tieni ċans.  
It-tminn ġimgħat li se jqatta' l-Ingilterra żgur mhux se jkunu faċli għalih.  Mhux minħabba l-uġigħ iżda għax se jkun 'il bogħod mill-familja u l-ħbieb li tant jgħożż.
Filmat: Reel8 Productions