Filmat: 9,200 account tal-ISIS mikxufa fil-bidu ta’ gwerra fuq l-internet kontrihom

L-itwal lista ta’ accounts fuq l-internet li aktarx għandhom x’jaqsmu mal-Istat Iżlamiku ġiet ippubblikata wara kollaborazzjoni storika bejn tliet entitajiet ta’ hacking teknoloġiku għal skopijiet soċjali, jew kif inhuma magħrufa aħjar, hacktivists.
Il-kollaborazzjoni bejn Anonymous, GhostSec u Ctrlsec wasslet biex mis-Sibt sal-lum, ġew identifikati 9,200 isem ta’ account fuq Twitter, li l-lista tagħhom issa ġiet ippubblikata bħala parti mill-inizjattiva #OpIsis.
Il-hackers ta’ Anonymous, ilbieraħ, ħalfu li jagħmlu gwerra fuq l-internet lill-Istat Iżlamiku u li se jfittxuhom u jsibuhom kif għamlu lil dawk li attakkaw l-uffiċċji ta’ Charlie Hebdo f’Jannar.
Minn meta bdiet bil-ħidma tagħha iktar kmieni din is-sena, Anonymous irnexxielha tħarbat mal-1,000 sit fuq l-internet, account tal-email jew konnessjoni anonima, bla ma jidher l-indirizz IP, li kellha x’taqsam mal-ISIS, u kixfet mijiet ta’ accounts fuq il-midja soċjali assoċjati mal-Istat Iżlamiku.
Anonymous tibgħat ukoll il-pożizzjoni ġeografika ta’ accounts suspettużi lil aġenziji tas-sigurtà fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, u iktar kmieni din is-sena żvelat l-identità ta’ diversi kumpaniji Amerikani u Ingliżi li kienu qed jospitaw il-websites tal-Istat Iżlamiku fuq is-servers tagħhom.
Anonymous saħqet li qed tittratta lill-Istat Iżlamiku bħala virus u li hi l-kura.
Il-fatt li tliet gruppi daqshekk kbar ta’ hackers soċjali ngħaqdu hu storiku minnu nnifsu, bil-gruppi stess jgħidu li dak li seħħ fi Franza juri problema tant kbira li kienu lesti joħolqu alleanza għall-ġid komuni.
Sa dalgħodu, diversi accounts fuq Twitter li jissemmew fil-lista ppubblikata, kienu għadhom attivi.
L-Istat Iżlamiku jiddependi ħafna fuq il-midja soċjali biex iwassal il-messaġġi tiegħu ta’ propaganda, inkluż biex iħajjar ġellieda ġodda jingħaqdu miegħu. Juża wkoll dawk li jissejħu swarm accounts biex iżomm ‘ħajja’ accounts fuq Twitter minkejja li Twitter stess ikun issospendihom u anke servizzi oħra fuq l-internet biex iwasslu l-messaġġi tagħhom mingħajr ma jiġu rintraċċati. Imma, skont Anonymous, hu Twitter l-għodda prinċipali tagħhom li tgħaqqad kollox.
Minbarra l-ħidma tagħhom, it-tliet entitajiet ħeġġew lill-pubbliku biex jirrapporta kull account li jarah suspettuż.