Filmat: 80 kelb jista’ jispiċċa barra t-triq

Għalkemm ‘kull deni trid tieħdu b’ġid’, xorta kultant ikollok taqdef kontra l-mewġ.
L-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (AAA) kellha ssib post alternattiv għas-santwarju li kellha fiż-żona industrijali tal-Marsa. Il-post kien mikri u minħabba proġett kellu jingħata lura lil sidu.
Il-Gvern għen billi silef proprjetà f’Birżebbuġa li kienet stazzjon tar-radju fi żmien l-Ingliżi.
“Din kienet barka,” qalet Rosalind Agius, voluntiera mal-AAA. “Issa l-klieb li nsalvaw se jkollhom il-faċilitajiet kollha li jistħoqqilhom. Se jkollhom post addattat fejn jinħaslu sew, kwarantina, post għall-ġriewi u post għall-adulti kif ukoll kċina ddedikata għalihom,” sostniet Rosalind b’espressjoni kuntentissima.
“Għalkemm kellna għajnuna mill-Gvern, inkluż b’għadd ta’ ħaddiema, fadlilna x’naqdfu biex niġbru l-ispejjeż biex il-post jiġi ristrutturat u addatat.” Rosalind żiedet tgħid li, “Għamilna s-sistemi tal-ilma u tad-dawl mill-ġdid, tqegħid ta’ maduma, tibjid, bini u ħafna xogħol ieħor.”
Il-post irid jitlesta bilfors qabel ix-xahar id-dieħel, inkella mat-80 kelb jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Hemm bżonn għajnuna finanzjarja u l-AAA qed tappella lil kull min jista’ biex jgħin b’kull mezz possibbli.
Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru billi wieħed jibgħat messaġġ fuq 5061 7350 għal donazzjoni ta’ €2.33, 5061 8060 għal donazzjoni ta’ €4.66, 5061 8910 għal €6.99 u 5061 9200 għal min jixtieq jagħti €11.65.
L-AAA ħolqot skema għall-kumpaniji li lesti jagħtu €1000 donazzjoni u bħala ringrazzjament ikollhom riklam fis-santwarju l-ġdid.
Wieħed jista’ wkoll jibgħat donazzjoni permezz ta’ Paypal fuq il-kont: Info@aaamalta.com
Filmat: Ian Noel Pace