Filmat: 75 sena mill-Pellegrinaġġ tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla

FB: Dpic

Fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju mill-Pellegrinaġġ Nazzjonali tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-istatwa tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla ttieħdet fil-Bażilika ta’ Birkirkara.  Il-pellegrinaġġ beda minn Bormla u spiċċa f’Birkirkara iżda waqaf darbtejn mat-triq – fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Fgura u fil-Parroċċa tal-Kunċizzjoni fil-Ħamrun.

Kienu mijiet in-nies li laqgħu l-vara f’dawn l-inħawi.

Il-Kapitlu Elenjan flimkien ma’ persuni distinti preżenti u n-nies li nġabru, laqgħu lix-xbieha tal-Immakulata akkumpanjata mill-membri Kapitulari ta’ Bormla. Il-Banda Sant’Antnin ta’ Birkirkara akkumpanjat il-vara bid-daqq tal-innijiet.

Waqt li l-vara daret fit-toroq ta’ Birkirkara, laqgħuha wkoll il-Banda Duke of Connought’s Own.

75 sena ilu kienet ittieħdet deċiżjoni mill-Kapiltu ta’ Bormla biex l-istatwa u l-kwadru Titulari jittieħdu f’Birkirkara. Dan minħabba li Bormla kienet fost il-lokalitajiet li sfat attakkata mill-ajruplani tal-għadu waqt it-Tieni Gwerra Dinija.

Nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru l-vara se terġa tittieħed b’pellegrinaġġ minn Birkirkara għal Bormla. Din id-darba mistennija tgħaddi minn quddiem il-Parroċċa ta’ Fleur de Lys f’Santa Venera, ta’ San Gejtanu l-Ħamrun, tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa u ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Filmat: Jean Claude Gatt