Filmat: 71 proġett ta’ restawr; fosthom kappella fis-Siġġiewi

Id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura bħalissa għandu 71 proġett ta’ restawr għaddejjin, li waslu fi stadji differenti ta’ implementazzjoni.

Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici waqt żjara fuq sit ta’ wieħed minn dawn il-proġetti, li huwa l-Knisja ta’ San Ġwann Battista fis-Siġġiewi.

Newsbook.com.mt tkellem mas-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit li spjegat li din il-kappella hija waħda ewlenija fil-pjazza tas-Siġġiewi u għaldaqstant meta saru jafu bil-fondi ta’ restawr xtaqu li japplikaw sabiex tingħata dinjità. Il-kappella hija dedikata għal qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista. Min-naħa tiegħu, l-Arċipriet tas-Siġġiewi, Fr Joe Grech, spjega li l-kappella hija antika ħafna u li kienet inbniet mill-Kavallieri fl-1730. Sostna li din tintuża ta’ kuljum u għalhekk hija xi ħaġa sabiħa li se tiġi restawrata kemm għal dawk li jużawha bħalissa, kif ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Knisja tinsab fuq sit ta’ knisja oħra aktar antika li kienet iddedikata għat-twelid ta’ San Ġwann il-Battista, u kienet tal-Ordni ta’ San Ġwann, bħalma juri s-salib bi 8 ponot li hemm fuq l-parti ta’ fuq tal-koppla tal-knisja.

Filmat: Luke Zerafa