Filmat: 7 jinqabdu jsuqu b’liċenzja tas-sewqan mhux valida fi spezzjonijiet billejl

Matul il-lejl li għadda, seba’ persuni nqabdu jsuqu b’liċenzja tas-sewqan mhux valida, filwaqt li oħrajn inqabdu jsuqu wara li kienu xorbu jew inqabdu fil-pussess tad-droga.

Dan sar waqt spezzjonijiet li wettqet il-Pulizija tad-Distrett, bl-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid
Intervention Unit (RIU), mit-Taqsima tat-Traffiku, mis-Sezzjoni tal-Klieb, mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. L-ispezzjonijiet saru f’Birżebbuġa, fiż-Żejtun, fil-Marsa u f’Raħal Ġdid.

Fi Triq tal-Barrani fiż-Żejtun u fi Triq Għar Dalam f’Birżebbuġa nqabdu:

  • 7 persuni jsuqu b’liċenzja mhux valida; se jinħarġu akkużi fil-konfront tagħhom.
  • 2 persuni minnhom sarilhom it-test tan-nifs li rriżulta fil-pożittiv għax kienu xurbana.
  • Grupp ta’ persuni li kienu qegħdin isuqu roti motorizzati; uħud minnhom ma kellhomx id-dawl fuq il-parti ta’ quddiem tar-rota; 2 żgħażagħ minorenni ma tħallewx ikomplu jsuqu r-rota sabiex jiġi evitat xi inċident.
  • F’Birżebbuġa nqabdu żewġ vetturi li ma kellhomx il-pjanċi tar-reġistrazzjoni mwaħħlin skont il-liġi.
  • Xufier inqabad mhux liebes ċintorin tas-sigurtà.

Fl-ispezzjonijiet fi Triq Aldo Moro fil-Marsa u fi Triq Dom Mintoff f’Raħal Ġdid instabet sustanza suspettata li hi kannabis u oġġetti relatati mal-użu tad-droga. F’dawn il-kontrolli ġie mħarrek xufier minħabba li ma kellux id-dwal tal-vettura skont il-liġi.

Filmat: Nicole Borg