Filmat: 680kg skart miġbura minn bajja waħda!

Waqt ġurnata ta’ tindif fil-Bajja tal-Mistra, inġabru 680kg ta’ skart. Din ġiet organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew, Miriam Dalli flimkien mal-organizazzjoni mhux governattiva, Żibel.

L-iskart li nġabar, grazzi għal numru ta’ persuni li għenu f’dan ix-xogħol, ġie sseparat u nġabar 133kg skart ġenerali, 7 kg plastik, 31kg ta’ ħġieġ, 3 kg metall u 506kg skart goff.

Miriam Dalli qalet li l-poplu jeħtieġ jiddisponi l-iskart goff kif suppost, speċjalment meta jeżistu servizzi mingħajr ħlas biex isir dan. Hija tenniet li l-iskart li jintrema fil-baħar, fl-aħħar mill-aħħar se jerġa’ jispiċċa fil-platt tagħna.

Andrew Schembri, wieħed mill-fundaturi ta’ Żibel, qal li wasal iż-żmien li l-problema tal-iskart tibda tittieħed b’aktar serjeta u huwa ż-żmien li ssir rivoluzzjoni f’dan is-settur.