Filmat: 68 professjonista jirrakkuntaw l-istorja tal-karriera tagħhom lil studenti Għawdxin

Il-Konservatorju tal-Isqof f’Għawdex dalgħodu nbidel f’post tax-xogħol mhux biss għall-istaff u l-għalliema, imma wkoll għal iktar minn 300 tifla bejn l-ewwel u r-raba’ sena li jattendu f’din l-iskola sekondarja fil-Belt Victoria.
F’attività msejħa Career Stories, kull studenta kellha l-opportunità li tivvjaġġa bl-immaġinazzjoni tagħha lejn il-futur u tisma’ l-‘istorja’ ta’ xi karriera jew oħra li tinteressaha minn fuq fomm professjonisti minn mixjiet differenti tal-ħajja.
L-għan ta’ din l-attività, kif qaltilna Lilian Mizzi, waħda mill-guidance teachers tal-iskola li ħejjewha, hi li tqanqal interess fost l-istudenti biex jibdew jaħsbu dwar il-karriera li jixtiequ, ħaġa li fl-età tas-Sekondarja m’għadhiex daqstant ’il bogħod. Fuq kollox, “nixtiequ norjentaw lejn kunċett iktar b’saħħtu ta’ career guidance fl-edukazzjoni tal-istudenti tagħna”.
Christine Scerri, il-Kap tal-Iskola, qaltilna li din hi l-ewwel darba li skola Għawdxija għamlet esperjenza ta’ din ix-xorta, u li l-istudenti kellhom firxa wiesgħa ta’ fuq 68 professjonista minn oqsma u karrieri differenti – uħud minn dawn qasmu l-fliegu minn Malta – li magħhom setgħu jitkellmu, jagħmlulhom il-mistoqsijiet dwar ix-xogħol u l-ġurnata tagħhom, u hekk jesploraw il-futur sabiħ li hemm lest għalihom.
Min-naħa tagħha, Claire Bajada mit-tim tal-Guidance, qaltilna: “Nittamaw li Career Stories issir appuntament annwali fil-kalendarju tal-iskola tagħna, u kull sena nistiednu individwi differenti, possibbilment nisa, minn karrieri differenti biex il-bniet tagħna jistgħu jispiraw ruħhom u jaspiraw biex jaslu għal iżjed minn kemm ħasbu li kien possibbli”.