Filmat: 600 qabar ġdid fl-Addolorata sa Lulju

Sal-aħħar ta’ Lulju se jitlestew 600 qabar ġdid fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.

Fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa qal li x-xogħlijiet fuq l-estenzjoni taċ-ċimiterju għaddejjin b’rittmu mgħaġġel.

Fix-xhur li ġejjin għandu jiskatta il-proċess legali tax-xiri tal-oqbra skont il-konvenji li huma diġà ffirmati mal-Gvern.

Waqt żjara fuq is-sit tal-estenjoni, li hija mifruxa fuq mhedda ta’ 26,000m2, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega kif bir-rata tax-xogħlijiet hu mistenni li tul ix-xhur li ġejjin jitlestew mijiet ta’ oqbra oħra.

B’kollox se jinbnew 2,880 qabar ġdid, li wħud minnhom għadhom jistgħu jinxtraw mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali.

Dan il-proġett, li qed isir mill-konċessjonarju Campo Santo, jinkludi wkoll r-restawr ta’ diversi statwi u kif ukoll ta’ binjiet ta’valur arkitettoniku bħall-kappella taċ-ċimiterju, kif ukoll it-tisbieħ ġenerali u l-manutenzjoni taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Filmat: MFH