Filmat: 52 persuna f’diffikultà u Malta ma tweġibx – Alarm Phone

Aġġornat 06:39 PM

Read in English.

L-għaqda Alarm Phone qalet li filwaqt li 52 persuna kienu f’diffikultà fuq il-baħar iċ-ċentru tas-salvataġġ ta’ Malta baqa’ jaqta l-linja tat-telefon ripetutament meta saru telefonati dwar il-każ.

Fuq Twitter l-Alarm Phone qalet li fl-aħħar il-bastiment tal-merkanzija Talia salva lit-52 persuna.

Alarm Phone qalet li ġiet infurmata mill-ekwipaġġ tat-Talia li Malta qalet li se tibgħat bastiment tal-AFM biex isalva lin-nies u jniżżilhom Malta. Però jidher li dan ma sarx. It-Talija marret lejn Lampedusa imma ma tħallietx tidħol fl-ibħra Taljani.

Skont l-Alarm Phone l-Italja tat struzzjonjiet lit-Talia biex din tmur lejn Malta, però Malta ma tatx permess biex il-bastiment jidħol fl-ibħra territorjali tal-pajjiż.

L-Alarm Phone appellat biex in-nies salvati jitħallew jidħlu l-Italja jew Malta.

L-Alarm Phone appellat ukoll lill-pubbliku biex jagħmlu kuntatt mal-Prim Ministru Malti Robert Abela u mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo biex iħeġġuhom idaħħlu l-immigranti Malta.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-AFM u lill-Ministeru għall-Intern dwar dan il-każ.