Filmat: 500 student jibqgħu jirċievu l-ikel id-dar

Read in English.

Madwar 500 student qed jingħataw ikel b’xejn mill-Gvern minkejja li għalqu l-iskejjel.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Edukazzjoni qal li l-Ministru Owen Bonnici mar fejn qed jiġi preparat l-ikel biex dan jitqassam lit-tfal “taħt Skema 9”.

“Qabel ma ngħalqu l-iskejjel, madwar 500 student taħt Skema 9, kien jingħatalhom l-ikel b’xejn mill-iskola. Il-Gvern kien kommess li wara l-għeluq tal-iskejjel jinsab proċess biex l-ikel ikompli jitqassam sad-djar tat-tfal li għandhom bżonn u b’hekk ittieħdet deċiżjoni mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex dan jitkompla,” qal il-Ministeru.

Il-Ministru Bonnici spjega kif, “hawnhekk jiġi preparat l-ikel li iktar tard se jkun qed jittieħed lit-tfal fi djarhom stess. Il-Ministeru ħaseb biex isiru l-preparament neċessarji sabiex din tibqa’ ssir ta’ kuljum għat-tfal li għandhom bżonn. Saru arranġamenti wkoll biex it-tfal li għandhom bżonn u jattendu fi skejjel tal-Knisja jibbenifikaw minn din l-iskema wkoll.”

Minħabba l-coronavirus, l-Gvern għalaq l-iskejjel kollha sa Ġunju.