Filmat: 50 impjieg ġdid fil-kumpanija Metallform

Lejliet Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru jżur kumpanija Maltija li tesporta apparat mediku madwar id-dinja

Ritratt: DOI / Kevin Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Silvio Schembri u mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, żar il-kumpanija Maltija Metallform Malta f’Birżebbuġa.

Din il-kumpanija, li ilha mwaqqfa mis-sena 1992 f’pajjiżna, tipproduċi apparat mediku speċjalizzat għall-qasam tal-pedjatrija u l-onkoloġija. Id-direttur ġenerali tal-kumpanija Ian Restall dawwar lill-Prim Ministru ġewwa l-fabbrika, fejn wieħed seta’ josserva numru sabiħ ta’ ħaddiema li jaħdmu lejl u nhar fuq il-prodotti li din il-kumpanija tipproduċi għal pajjiżi barra minn xtutna, fosthom il-Ġermanja u l-Awstrija. Bħalissa, il-kumpanija timpjega madwar 310 ruħ, iżda d-domanda hija waħda li qed tiżdied.

Matul is-snin 2014 u 2015, il-kumpanija investit madwar €3.2 miljun fl-infrastruttura tagħha, u s-suċċess tagħha qiegħed rifless fl-ammont ta’ ħaddiema li timpjega, hekk kif lura fl-1992, meta kienet għadha kemm twaqqfet, in-numri ta’ impjegati kien biss ta’ 16-il ruħ.

Ritratt: DOI / Kevin Abela

Fl-aħħar taż-żjara, il-Prim Ministru rringrazzja lit-tmexxija tal-kumpanija u l-ħaddiema kollha tal-ħidma tagħhom.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri stqarr li l-kumpanija Metallform se tkun qed timpjega sa 50 ħaddiem ġdid. Għal din l-aħbar, il-Ministru Schembri qal li anke f’mument ta’ sfida bħal dak li ġabet magħha l-imxija tal-pandemija Covid-19, in-negozji qed ikomplu jesprimu fiduċja sħiħa fl-ekonomija ta’ pajjiżna li, kif qed ikun previst minn aġenziji u istituzzjonijiet internazzjonali, se tkun qiegħda tirpilja b’mod b’saħħtu.

Il-Ministru Carmelo Abela, li huwa responsabbli mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, tenna kif il-gvern bil-fatti japprezza l-ħiliet, id-dedikazzjoni u l-ħidma mill-qalb tal-ħaddiema Maltin. Qal li l-gvern huwa determinat li jħares id-drittijiet tal-ħaddiema, li dejjem urew li huma s-sinsla tas-suċċess tal-ekonomija Maltija, anke f’dan iż-żmien diffiċli.