Filmat: 50 immigrant salvati qrib Malta; jiddaħħlu l-Italja

Read in English.

50 immigrant ġew salvati wara tfittxija li saret fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija. Aktar kmieni 112-il persuna ġew salvati mill-għaqda mhux governattiva SOS Mediterranee u bdew jitniżżlu f’Taranto fl-Italja aktar kmieni llum.

Il-Ġimgħa li għadda l-għaqda mhux governattiva fuq Twitter qalet li l-bastiment Ocean Viking salva 112-il persuna li kienu fuq dgħajsa li kienet qed tegħreq 34 mil nawtiku mill-kosta Libjana. Fost dawk salvati hemm 24 mara li tlieta minnhom qed jistennew tarbija u 38 tifel u tifla, l-iżgħar fosthom hija tarbija ta’ tliet xhur.

Il-Ġimgħa li għadda fi stqarrija l-Ocean Viking qalet li huma talbu post sigur liċ-Ċentru Libjan ta’ koordinazzjoni konġunta ta’ Salvataġġ u infurmaw ukoll liċ-Ċentru għall-Koordinazzjoni tas-Salvataġġ Malti u Taljan.

Is-Sibt li għadda l-għaqda ħabbret li l-bastiment Ocean Viking salva 50 persuna oħra li jinkludu 10 itfal u tarbija li kienu fuq dgħajsa tal-injam f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet tat-temp kienu ħżiena.

Il-bastiment salpa lejn il-Lvant ta’ Sqallija minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp.

Ilbieraħ mara li kienet taħt osservazzjoni għal 48 siegħa fuq il-bastiment ġiet evakwata minħabba raġunjiet medii mill-awtoritajiet Taljani flimkien ma’ tarbija ta’ sena u oħtha.

Newsbook.com.mt kellem lill-kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta, fejn min-naħa tagħha din ma kkonfermatx din l-informazzjoni u rrifjutat li tagħti kumment dwar dan.