Filmat: 5 nisa jduru d-dinja b’jott b’għan speċjali

Malta laqgħet il-jott Maiden Factor, b’ekwipaġġ magħmul minn ħames nisa li qed iduru id-dinja biex iqajjem għarfien favur l-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet.

Skont il-Maiden Factor Foundation, 130 miljun tifla madwar id-dinja m’humix jitħallew jedukaw ruħhom. Id-dawra mad-dinja bil-Maiden Factor qed issir bħala ġbir ta’ fondi li se jmorru għall-Fondazzjoni. Il-Fondazzjoni taħdem ma’ karitajiet li jgħallmu, jieħdu ħsieb, jgħinu jew jipprovdu soluzzjonijiet għall-edukazzjoni ta’ tfajliet madwar id-dinja.

L-istorja bdiet minn Tracy Edwards, li xtaqet tgħaqqad tim ta’ nisa biss għal tiġrija tal-jottijiet madwar id-dinja, għaliex irġiel biss kienu jieħdu sehem dak iż-żmien. Għalkemm irrifjutawlha fondi diversi drabi, iltaqgħet mar-Re tal-Ġordan Hussein I, li kien sponsor tagħha. B’hekk, fl-1989, il-jott Maiden, b’ekwipaġġ ta’ nisa biss, ħa sehem fil-Whitbread Round the World Race. Huma ġew it-tieni kontra timijiet ta’ irġiel, l-aqwa riżultat għal jott Ingliż fi 17-il sena, li baqa’ l-aqwa riżultat sal-lum.

Tracy kienet bigħet il-jott, u tħalla f’Port jiddikomponi. Iżda l-Prinċipessa Haya tal-Ġordan saħqet biex il-jott jiġi rrenovat. B’hekk, issa fl-2018 seta’ jerġa’ jdur id-dinja bħal ma kien għamel 29 sena ilu.

Malta laqgħet lill-Maiden Factor bil-ħerqa, fejn l-għaqdiet Jarhead Young Sailors u l-Olwyn Foundation laqgħuhom. Ilbieraħ, tfal li jiffurmaw parti mill-għaqdiet ta’ Jarhead Young Sailors Foundation, Vikings Sailing Club u s-SailCoach Foundation kellhom ċ-ċans iżuru l-jott u jiltaqgġu mal-ekwipaġġ, fejn tgħallmu fuq is-sistemi ta’fu id-dgħajsa.