Filmat: 4 Maltin u 5 Franċiżi jikkollaboraw biex joħorġu album jazz

Erba’ artisti Maltin qegħdin jikkollaboraw ma’ ħames artisti Franċiżi permezz tal-grupp li ħolqu, jismu Blue Tangerine. Huma se joħorġu l-ewwel album tagħhom, frott tal-kollaborazzjoni li ilha għaddejja għal tliet snin, fi tmiem dan ix-xahar.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Angela Vella Zarb, Dean Montanaro u Joseph Camilleri, tlieta mill-mużiċisti li jiffurmaw Blue Tangerine. Spjegaw li l-grupp inħoloq grazzi għal Sandro Zerafa, id-Direttur Artistiku tal-Malta Jazz Festival, li fil-Festival ta’ tliet snin ilu, ikkordina programm ta’ skambju bejn Franza u Malta li wassal biex jiltaqgħu d-disa’ mużiċisti.

Angela, l-unika mara fil-grupp, spjegat lil Newsbook.com.mt li l-album għandu xi ħaġa għal kulħadd, billi għandu kanzunetti stil tal-Brażil, u oħrajn aktar malinkoniċi, miktubin bl-Ingliż u anke bil-Portugiż. Dean żied jgħid li dan l-album se jkollu ħafna mużika oriġinali, miktuba mid-Direttur Mużikali tal-grupp, Vincent Jacqz. Qal li fl-album il-pubbliku għandu jistenna wkoll ritmi Afrikani.

L-album ġie rrekordjat fi Studio De Meudon f’Pariġi, fejn kellhom żewġ sessjonijiet ta’ prova u mbagħad għamlu rikording lajv fl-istudjow bħala grupp sħiħ.

Dwar ix-xena tal-mużika lokali, Angela qalet li taħseb li hawn interess, anke fil-jazz, minkejja li dan hu inqas popolari minn ġeneri oħra, imma n-nies donnhom ma jkunux daqshekk infurmati bl-attivitajiet u b’dak li jkun għaddej. Stqarret li tixtieq tara iżjed parteċipazzjoni u attendenza.

L-album bl-isem Blue Tangerine se jitnieda fil-31 ta’ Lulju f’Offbeat, il-Belt Valletta, u se jkun hemm kunċerti fil-ġranet ta’ wara sat-3 t’Awwissu. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn hawn.

Filmat: Miguela Xuereb