Filmat: “30% tal-illegalitajiet kienu tiri fuq tajr protett” – BirdLife

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=LwAWthQZM70]

Flimkien ma' filmat li juri l-illegalitajiet kollha li osservaw tul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, il-BirdLife Malta ħarġet lista ta' illegalitajiet, li juru li 30% tagħhom kienu sparar fuq tajr protett.
Fi stqarrija sostnew li fil-maġġoranza dawn kienu gamiem, minkejja li l-istaġun kien speċifiku għall-kaċċa tas-summien. L-ispeċi l-oħra huma l-irsieset, id-daqquqa kaħla, il-kokka tax-xagħri, farruġ, spanjulett sekond, u l-bagħadan aħma, abjad u griż.
Huma spjegaw li l-filmat jiġbor l-inċidenti prinċipali li jwasslu għal total ta’ 148 każ ta’ kaċċa illegali fuq għasafar protetti li kienu qed ipassu tul ir-rebbiegħa, b’mod partikolari l-Gamiema li hija tajra protetta.
Il-BirdLife spjegat li f’kull ġurnata tal-istaġun kien hemm medja ta’ żewġ timijiet fil-kampanja jissorveljaw dak li kien qed jiġri.
Huma sabu li l-bidu tal-istaġun kien ikkaratterizzat mis-sejba ta’ numru ta’ apparat tal-għajjat elettroniku, li huwa illegali. Sostnew li ħafna minn dan l-apparat tħalla jopera bl-infurzar ikun ftit li xejn.
Fakkru kif tul l-istaġun instabu 18-il għasfur protett ferut jew maqtul minn membri tal-pubbliku, numru li sostnew huwa ogħla minn dak tal-2014. Għaldaqstant spjegaw li l-ammont ta’ għasafar protetti kkonfermati mill-veterinarja tal-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) bħala vittmi tal-kaċċa illegali mill-ewwel tas-sena sal-aħħar ta’ April 2018 jitla’ għal 27.
Il-BirdLife temmet l-istqarrija billi qalet li l-filmat huwa parti essenzjali minn rapport li se tkun qed tressaq quddiem id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ambjent, u li permezz tiegħu se jitolbu “lill-Kummissjoni tiddikjara jekk id-deċiżjoni li tkun permessa l-kaċċa tul iż-żmien meta l-passa tal-Gamiem tkun fl-aqwa tagħha tmurx kontra l-ispirtu tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar u kull forma ta’ deroga minn din id-Direttiva.