​Filmat: 30 sena ta’ ħidma għall-persuni b’diżabilità

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li f’dawn it-30 sena, Malta għamlet passi kbar 'il quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Il-President qalet dan waqt attività fit-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni għad-Drittjiet tal-Persuni b'Diżabilita.
Skont il-President, il-pass li jmiss irid jkun li, l-għaqdiet li qed jaħdmu fis-settur, li huma madwar erbgħin jingħaqdu flimkien fi pjattaforma, ħalli regolarment jiġu flimkien u jaqsmu l-fehmiet u l-aspirazzjonijiet ta’ xulxin, mingħajr ma jinsew il-ħtiġijiet settorjali tagħhom. 
Fil-fehma ta’ Coleiro Preca, b’hekk ċertu problemi li jkunu komuni għall-għaqdiet kollha, jkunu jistgħu jiġu indirizzati b’vuċi waħda u b’saħħitha u jsiru strateġiji komuni. Il-President qalet li “B'hekk nagħmlu l-ħajja ħafna aktar faċli, mhux biss għall-persuna b'diżabilità, li l-vuċi tagħha ser tasal aktar malajr, imma wkoll għall-awtoritajiet, biex iwettqu dak li għandhom iwettqu.”