Filmat: 30 applikazzjoni fil-ġimgħa mill-Maltin għal ma’ tal-linja l-ġodda

Il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon qed tirċievi mat-30 applikazzjoni għal impjieg fil-ġimgħa minn Maltin. 

Iċ-Ċermen tal-kumpanija, Felipe Cosmen qal li bħalissa qed jitħarrġu 70 persuna biex fil-jiem li ġejjin jibdew isuqu l-karozzi tal-linja. Spjega li dawn qed jiġu mħarrġa minn ħames persuni f’xiftijiet differenti. Żied jgħid li sal-aħħar ta’ din is-sena se jkun hemm 250 xufier ġdid.
Cosmen insista li fil-proċess ta’ ingaġġ se tingħata prijorità lill-applikanti Maltin, għax huma l-aktar li jafu l-pajjiż, il-kultura, u anke l-eżiġenzi tal-passiġġieri.  Madanakollu mhux eskluż li jiġu impjegati persuni minn pajjiżi oħra Ewropej.
Il-kumpanija Spanjola mistennija tingaġġa 1,000 impjegat, b’600 jkunu xufiera. 
Dwar il-karozzi tal-linja użati li qed jaslu mir-Renju Unit, iċ-Ċermen tal-Autobuses de Leon qal li dawn se jibqgħu fuq ir-rotot Maltin għal sena. Dan ifisser li fl-istess waqt fuq ir-rotot ta’ Malta u Għawdex se jkun hawn karozzi tal-linja ġodda fjamanti u oħrajn użati.
Felipe Cosmen qal ukoll li l-arja kkundizzjonata fuq il-karozzi tal-linja li nġiebu mir-Renju Unit ġew adattati għall-klima sħuna ta’ Malta.