Filmat: 3 persuni arrestati; ikkonfiskati droga u 7 iklieb perikolużi

Il-Pulizija arrestat lil tliet persuni fuq suspett ta’ attività illegali. F’din il-ħidma ġiet ikkonfiskata droga, kif ukoll sebat iklieb meqjusin perikolużi.

Il-ħidma saret nhar it-Tlieta, 13 t’Ottubru fl-inħawi magħrufin bħala Fuq Verdala f’Bormla.
Il-ħidma bdiet fl-4am u tmexxiet mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, bis-sehem tal-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit, l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u mit-Taqsima tal-Klieb.

Wara jiem ta’ osservazzjoni, il-pulizija ċċirkondaw tliet postijiet separati. Waqt tfittxijiet li saru nstab ammont ta’ droga, apparat elettroniku li jaqbad il-frekwenzi tal-pulizija u oġġetti oħra suspettużi li jindikaw attivitajiet illegali.

Uffiċjali mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali assistew ukoll f’din l-operazzjoni minħabba li f’post minnhom instabu sebat iklieb perikolużi.

L-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, li jmexxi l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, qal li “permezz ta’ din l-operazzjoni ntwera biċ-ċar kemm diversi taqsimiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jaħdmu id f’id u b’suċċess sabiex niġġieldu kull forma ta’ kriminalità.”

It-tliet persuni arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

Filmat: CMRU