Filmat: “3 għasafar protetti midruba b’tiri fl-ewwel weekend tar-Rebbiegħa”

Fl-ewwel tmiem il-ġimgħa tar-Rebbiegħa, BirdLife Malta f’filmat qalet kif s’issa il-pubbliku għaddielha tliet għasafar protetti midruba.

Fil-filmat, kelliem għall-għaqda qal kif l-ewwel għasfur wasal għandhom fit-23 ta’ Marzu. L-ispanjulett żgħir ġie midrub fil-ġewnaħ tax-xellug permezz ta’ tir. Hu nstab fil-Birgu.

Intant fl-24 ta’ Marzu nstab Scopoli’s Shearwater f’Wied il-Għajn li spiċċa b’ġewnaħ nieqes. Hu nstab jgħum qalb id-dgħajjes. Il-kelliem sostna li huwa evidenti li l-għasfur sofra minn tir minn fuq il-baħar. Fl-istess ġurnata bagħdan aħmar instab jiġri mal-art f’Għawdex hekk kif ma setax itir minħabba li ntlaqat minn tir fil-ġewnaħ tal-lemin.

Skont il-BirdLife, il-veterinarju tal-Gvern ikkonferma li t-tliet għasafar sofrew minn tiri illegali.