Filmat: 288 persuna b’diżabilità qed iffitxu xogħol – Muscat

288 persuna b’diżabilità qegħdin jirreġistraw għal xogħol. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt l-inawgurazzjoni ta’ servizz ġdid ta’ respite provdut mill-Gvern f’ Casa Apap Bologna. Fid-diskors qabel ma ġiet inawgurat is-servizz il-ġdid, Muscat saħaq li dan in-numru huwa 120 persuna inqas mis-sena l-oħra. Huwa spjega kif qed tiġi infurzata l-liġi li persuni b’diżabilità għandhom jiġu impjegati u dawk il-postijiet tax-xogħol li ma joffrux impjieg lil persuni b’diżabilità għal xi raġuni jew oħra għandhom jħallsu kontribuzzjoni. Skont il-Prim Ministru l-fond laħaq €2.5 miljun f’kontribuzzjonijiet u dawn jmorru biex jipprovdu xogħol għall-persuni b’diżabilità. Muscat saħaq dwar l-importanza li persuni li jistgħu jgħixu ħajja indipendenti jiġu mgħejjuna biex jakkwistaw din l-indipendenza.

Dwar is-servizz il-ġdid li tneda llum, Muscat saħaq li din kienet l-ewwel darba li l-Gvern kien qed jipprovdi dan is-servizz flimkien mal-privat u saħaq dwar l-importanza tiegħu. Huwa sostna li s-servizz il-ġdid se jilħaq 1000 persuna u dan iffisser 1000 familja.

‘Numru ta’ programmi offruti skont l-abilitajiet differenti tal-persuna’

Janet Silvio, id-direttriċi ta’ Ħila Homes Ltd spjegat kif Casa Apap Bologna se tkun qed aċċessibli għall-persuni sew jekk għandhom diżabilità mentali jew inkella fiżika. Hi spjegat kif wieħed se jkun jista’ jġib il-familjari tiegħu f’din ir-respite home l-ġdida fejn se jiġu offruti numru ta’ programmi skont l-abilitajiet differenti tal-persuna u fl-istess waqt se jkunu qed jippromovu l-inklużjoni tal-persuni fis-soċjetà. Silvio f’kummenti li tat lil Newsbook.com.mt spjegat kif l-ambjent tad-dar huwa wieħed state-of-the-art b’kunċett ta’ disinn universali. Kompliet tispjega kif il-kuluri u l-materjal li ntuża fid-dar kien bi ħsieb li ma jkunux intrusivi għall-persuni li se jkunu qed jużaw is-servizzi f’din id-dar. Silvio temmet tgħid li l-benessri tal-persuna li tkun qed tagħmel użu mid-dar se tiġi promossa.

“Il-ħin tal-mistrieħ għall-carers huwa importanti”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità saħaq li l-ħin tal-mistrieħ għal dawk li jieħdu ħsieb lill-persuni b’diżabilità għandhom bżonn tal-ħin ta’ mistrieħ tagħhom. Huwa stqarr fid-diskors tiegħu li meta persuna tieħu l-mistrieħ tagħha din tkun tista’ tagħti sapport aħjar. Meta tkellem fuq Casa Apap Bologna, Agius Decelis saħaq li din hi dar li għandha standards għoljin bi kmamar u ambjent attrezzat, kompla jispjega kif id-dieta se tkun skont il-bżonnijiet individwali. Agius Decelis spjega li b’investiment ta’ kważi €1 miljun fis-sena u b’21 sodda ġdida se jkun hemm iktar minn 7,600 ġurnata ta’ respite f’sena għall-persuni b’diżabilità severa u aktar ċans ta’ mistrieħ.