Filmat: 20 student imutu f’nar fi skola fl-Indja

Mill-inqas 20 żagħżugħ u żagħżugħa mietu wara li skola ħadet in-nar fl-Indja. Filmati xokkanti fuq il-midja soċjali juru wħud miż-żgħażagħ jaqbżu minn fuq il-bejt tal-binja biex isalvaw fil-belt ta’ Surat waqt li daħna kbira kienet ħierġa mit-twieqi tal-iskola.

Skont rapporti fil-midja jidher li n-nar żviluppa kawża ta’ ħsara elettrika viċin it-taraġ u xtered malajr mal-binja hekk kif is-soqfa kienu magħmulin minn materjal li jaqbad malajr. Riżultat ta’ dan iż-żagħżagħ ma setgħux jużaw it-taraġ tal-emerġenza biex jaħarbu min-nirien u kellhom jitilgħu fuq il-bejt.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li fost l-20 mejta, wħud mietu minħabba n-nirien filwaqt li oħrajn tilfu ħajjithom għax qabżu. Huwa kkonferma li tliet persuni ġew arrestati b’rabta ma’ dan l-inċident u appella biex il-pubbliku jżomm il-kalma.

Minn tal-inqas 20 persuna oħra sfaw midruba kawża ta’ dan l-inċident.