Filmat: Fil-periklu tal-mewt raġel li kien fuq jott li ħa n-nar fl-Imġarr

Aġġornat 01:09 PM

Read in English.

Erba’ jottijiet inħakmu minn nirien fil-marina tal-Imġarr, Għawdex. Żewġ persuni li kienu fid-dgħajjes jinsabu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura, u wieħed jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Kelliem għall-Pulizija informa lil Newsbook.com.mt li dan ġara fl-3.50am fiż-żona magħrufa bħala taż-Żewwieqa.

Fuq il-post marru l-pulizija u l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili, li kienu għadhom hemmhekk sa ftit ħin ilu sabiex jikkontrollaw in-nirien, iżda jidher li għalkemm baqa’ xi duħħan, in-nar ġie kkontrollat.

Iż-żewġ persuni li ttieħdu l-isptar kienu Mellieħi ta’ 29 sena u raġel ieħor minn Għajnsielem ta’ 34 sena minħabba n-nirien u d-dħaħen li belgħu. L-Għawdxi jinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li r-raġel mill-Mellieħa ġarreb feriti gravi.

Mill-erba’ jottijiet li nħakmu minn nirien, jidher li tnejn ġarrbu ħsarat kbar.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta.

Is-sitwazzjoni dalgħodu:

Filmat: Cordina Stephen / Facebook