Filmat: 190,000 għasfur ieħor mingħajr kaċċa fir-rebbiegħa

Il-kaċċaturi Maltin joqtlu ċ-ċans ta’ 190,000 ferħ kull rebbiegħa.
Hekk intqal minn SHout waqt konferenza tal-aħbarijiet fir-riserva naturali fl-Għadira fejn kienu żvelati fatti mir-rapport 'Spring Never Comes for the hunted.’
Kien spjegat li l-kaċċa fir-rebbiegħa teqred l-għasafar b’saħħithom li jkunu sejrin lura lejn il-kontinent tal-Ewropa mill-Afrika sabiex ibejtu u jkollhom il-frieħ.
Ma’ Newsbook.com.mt, Moira Delia fakkret li r-referendum huwa biss dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa u għalhekk jifdal ħames xhur oħra ta’ kaċċa.
Intqal li mhuwiex minnu li jekk dan ir-referendum iwassal biex tintemm il-kaċċa fir-rebbiegħa, jintmessu passatempi oħra.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-għadd ta’ gamiem fl-Ewropa naqas b’aktar minn 80%.
Mark Sultana, rappreżentant ta’ BirdLife Malta qal li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa qiegħed iservi ta’ paraventu sabiex jinqatlu speċi protetti u rari.
Moira Delia appellat biex il-poplu jitkellem u jsemma’ leħnu sabiex skont Mark Sultana, l-għada tar-referendum, “jew nibqgħu kif aħna jew inkella f’Malta tinbidel il-folja u tispiċċa l-kaċċa fir-rebbiegħa.”
B’reazzjoni għal dan, l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu qalet li l-koaliżjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa, SHout, qed tgħaddi informazzjoni qarrieqa lill-pubbliku dwar l-effett tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-gamiem u s-summien.
L-għaqda Kaċċaturi San Ubertu qalet li l-kwota nnegozjata mal-Kummissjoni Ewropea hi mal-1% tar-rata tal-imwiet tal-ispeċi hekk kif ikkunsidrata mid-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar.