Filmat: 19-il persuna jiggradwaw mill-università tal-ħajja

Ilbieraħ filgħaxija kienet lejla importanti għad-19-il persuna li rnexxielhom itemmu b'suċċess il-programm ta' rijabilitazzjoni mid-droga li joffri l-Caritas.
Fil-preżenza ta' bosta qraba, ħbieb, tal-President ta' Malta, tal-Isqof ta' Għawdex u l-istaff tal-Caritas, f'San Blas saret ċerimonja ta' gradwazzjoni li timmarka ħajja ġdida għal dawk li b'ħafna sagrifiċċju u tbatija għelbu l-vizzju tad-droga.
Mark* hu wieħed mid 19 li fl-aħħar xhur kien qed jingħata l-appoġġ kollu meħtieġ biex ikun jista' jerġa' jibda jgħix mingħajr ma jmiss xi tip ta' sustanza.
B'sodisfazzjon, Mark irrakkonta ma' Newsbook.com.mt li daħal jagħmel il-programm tal-Caritas mingħajr saqaf fuq rasu u bla lira mfaddla, u ħiereġ minn San Blas b'xogħol, dar u ħafna aktar kuraġġ biex jiġġieled il-problemi ta' kuljum.
Mark appella biex min qiegħed fil-problema tad-droga m'għandux jiddejjaq iħabbat il-bieb tal-Caritas.
Kull min jixtieq jagħmel kuntatt mal-Caritas jista' jċempel fuq: 2590 6600, jibgħat imejl fuq info@caritasmalta.org jew inkella jidħol fuq il-websajt www.caritasmalta.org.
Filmat: Reel8 Productions