Filmat: 144 persuna jtellqu fuq Kemmuna

144 parteċipant ħadu sehem fl-ewwel tellieqa li saret fuq il-ġzira ta’ Kemmuna, il-Comino Swim-Run. Dan l-avveniment seħħ nhar is-Sibt li għadda bl-organizzazzjoni ta’ Xterra Malta bl-appoġġ tal-Malta Airport Foundation.

Fi stqarrija, il-Malta Airport Foundation qalet li din it-tellieqa saret fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art. Il-parteċipanti, inqasmu f’timijiet ta’ tnejn li għamu għal medda ta’ żewġ kilometri fl-ibħra ta’ madwar il-gżira u ġrew għal tul ta’ tmien kilometri oħra. Din it-tellieqa saret ftit ġimgħat qabel it-tnedija ta’ dokumentarju li qed jinġibed bl-appoġġ tal-Malta International Foundation u li jiffoka fuq il-wirt ta’ taħt il-baħar.

Waħda mill-isfidi li l-parteċipanti kellhom jaffaċċjaw kienet id-diffikultajiet tat-temp però dan ma waqqafhomx milli jtemmu din l-isfida b’suċċess.

It-tim magħmul minn Kevin Muscat u Michael Bongailas ġie fl-ewwel post bil-ħin ta’ 43 minuta u 9 sekondi. Ir-rebbieħa ngħataw trofej, filwaqt l i  l-flus miġbura minn dan l-avveniment se jingħataw lit-tim Malti tal-Ispecial Olympics.

Nathan Farrugia, id-direttur tat-tlielaq esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-avveniment li qed jippromwovi l-wirt naturali, l-ivjaġġar u l-isport.

L-għan tad-dokumentarju huwa li jitqajjem għarfien dwar il-wirt naturali rikk ta’ Kemmuna, u biex in-nies juru aktar rispett lejn l-ispeċi divesi li jabitaw fuq il-gżira.