Filmat: 13-il persuna fit-taqsima tal-kura intensiva fi 3 ITUs

Read in English.

13-il persuna li huma pożittivi għall-coronavirus jinsabu f’qagħda kritika. Dan qalu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’kummenti li ta lill-ġurnalisti llum.

Bħalissa f’Mater Dei qegħdin jintużaw tlitt iswali sabiex tingħata l-kura intensiva. L-ITU li jintuża għall-kura tal-pazjenti kollha u żewġ swali ddedikati għall-pazjenti li għandhom bżonn kura intensiva minħabba l-virus tal-Covid-19.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li għad hemm żewġ swali tal-ITU li huma ddedikati għall-pazjenti tal-Covid-19 li mhumiex jintużaw u jittama li ma jkunx hemm bżonnhom. Fearne żied li hemm numru ta’ persuni li qegħdin jieħdu n-nifs bl-għajnuna tal-ventilator.

Spejga li n-numru ta’ operazzjonijiet naqas u ħaddiema fis-settur tas-saħħa minn dipartimenti oħra ntalbu biex jassistu fit-taqsima tal-kura intensiva.

Meta mistoqsi dwar il-ħin li fih qegħdin jiġu rrapurtati persuni li jkunu mietu bil-coronavirus, Fearne qal li l-ħin li fih jiġu rrapurtati mhux importanti, l-aqwa li l-Gvern ikompli jirrapporta l-imwiet b’mod trasparenti u regolari.

Huwa enfasizza li kull persuna li tmut hija traġedja mhux biss għall-familja imma wkoll għall-professjonisti fis-settur tas-saħħa u l-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex inaqqas il-fatalitajiet.

Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid

Id-Deputat Prim Ministru qal li għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid jekk hux se jerġgħu jinfetħu l-bars fl-1 ta’ Diċembru. Żied li n-numru ta’ każijiet ġodda f’Malta baqa’ stabbli mhux bħal pajjiżi oħra. Fearne qal li minkejja li kien hemm ġranet fejn il-każijiet pożittivi f’ġurnata telgħu għal 200 jew niżlu għal 60, il-medja ta’ każijiet ġodda kien ta’ 130 każ kuljum.

Fil-jiem li ġejjin il-Gvern mistenni jħabbar il-pass li jmiss u jekk hux se jkun qiegħed iżid il-miżuri sabiex ma tkomplix tinfirex l-imxija tal-Covid-19.

Fearne ħabbar li se jinfetaħ ċentru fir-reġjun tat-Tramuntana sabiex ikun jista’ jsir ir-rapid test u se jkun hemm ieħor f’Għawdex. S’issa hawn sitt ċentri li fihom isiru l-iswab tests u ċentru wieħed li jsir ir-rapid test.

Fil-Gżejjer Maltin illum ġew irreġistrati 173 każ pożittiv ġdid. Il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar ukoll li persuna mietet wara li kienet pożittiva għall-Covid-19.