Filmat: 13-il pajjiż se jċaqlaq id-dinja waqt il-Junior Eurovision

Read in English.

Il-European Broadcasting Union (EBU) ħabbar li għall-edizzjoni li jmiss tal-Junior Eurovision Song Contest se jkunu qed jipparteċipaw 13-il pajjiż. It-tema tat-18-il edizzjoni hija “Move the World” u għat-tieni sena konsekuttiva din il-kompetizzjoni se tkun organizzata mill-istazzjon Pollakk TVP.

L-Armenja, il-Belarus, Franza, il-Ġorġja, il-Każaksthan, Malta, in-Netherlands, ir-Russja, is-Serbja, Spanja l-Ukraina u l-Polonja se jkunu qed jirritornaw għal din il-kompetizzjoni. Ma’ dawn il-pajjiżi tingħaqad il-Ġermanja li se tipparteċipa għall-ewwel darba.

Minħabba fil-pandemija tal-Covid-19, l-ispettaklu se jittella’ b’format differenti. Dan se jsir fi studjo f’Warsaw fil-Polonja fejn il-preżentaturi u il-crew televiżiv se jkunu qed josservaw il-miżuri tad-distanza soċjali.

Il-logo tal-Junior Eurovision Song Contest 2020. Ritratt: EBU

Għalhekk kull parteċipant se jkun qed jibqa’ f’pajjiżu u jwassal l-interpretazzjoni tal-kanzunetta minn studjo fl-istazzjon ta’ pajjiżu filwaqt li l-preżentaturi se jkunu preżenti fl-istudjo televiżiv tal-Polonja. L-ispettaklu tal-intervall se jkunu qed jitwasslu minn Warsaw fil-Polonja.

“Ir-restrizzjonijiet u l-miżuri marbuta mal-Covid-19 ifissru li ma nistgħux nilqgħu lill-parteċipanti kollha ġewwa l-Polonja. Madanakollu ninsabu determinati li l-ispettaklu jibqa’ għaddej u l-parteċipanti magħżula f’pajjiżhom se jkollhom l-opportunità li jibbrillaw xorta waħda,” ikkummenta Martin Österdahl, il-producer eżekuttiv tal-Junior Eurovision Song Contest.

Biex il-kompetizzjoni tkun ukoll waħda ġusta, il-pajjiżi parteċipanti qablu u aċċettaw li jużaw palk simili tad-disinn maħluq mill-organizzaturi biex b’hekk tkun assigurata li jkun hemm kontinwità bejn kanzunetta parteċipanta u oħra.

Is-sena l-oħra Malta kienet rappreżentata minn Eliana Gomez Blanco bil-kanzunetta We Are One. Din is-sena għad mhux magħruf min se jirrappreżenta lil pajjiżna peress li l-finali tal-Malta Junior Eurovision Song Contest għad trid issir.

Eliana Gomez Blanco li rrappreżentat lil Malta s-sena l-oħra flimkien ma’ parteċipanti oħra. Ritratt: Thomas hanses / EBU

L-għażla se tkun magħrufa aktar tard matul dan ix-xahar wara li nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru jixxandar programm speċjali fuq TVM mis-6.15pm ‘il quddiem.