Filmat: 128 miljun Ewropew għadhom f’riskju ta’ faqar

Dalgħodu l-President tal-Parlament Ewropew, Martin Shulz fetaħ ir-raba’ Konvenzjoni Annwali Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fi Brussell.
Spjega li l-għan prinċipali hu li sas sena 2020, il-128 miljun ruħ li bħalissa jinsabu f’riskju ta’ povertà jonqsu b’20 miljun.
Madanakollu żied jgħid li għalkemm dan hu l-ideal, għal dawn l-aħħar snin l-istrateġija wżata ma tantx kienet ta’ suċċess.
Shulz appella lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jaħdmu id f’id kemm bejniethom u anki mal-Istituti Ewropej.
Forst l-oħrajn hu qal li l-gvernijiet għandhom jipprovdu opportunitajiet ta’ xogħol lil min ma jaħdimx, joffri child care biex jinċentiva lin-nisa joħorġu jaħdmu u għandhom jipprovdu l-aqwa livell ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ.  
B’hekk il-pjan strateġiku li qed jinħoloq fil-Parlament Ewropew jiġi applikat fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżi differenti.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ rapreżentanti tal-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Anthony Ellul u Joseph Daniel Borg li kienu preżenti għall-konvenzjoni.
Spjegaw li għalkemm id-definizzjoni ta’ faqar hi waħda kumplessa u taf tinbidel minn post għal ieħor u minn żmien għal ieħor, ir-realtà f’Malta hi li wieħed minn kull tlett itfal huma f’riskju ta’ faqar.
Madanakollu huma qalu li f'Malta diġa qed isiru diversi inċentivi li qed jiġu pproponuti waqt din il-konvenzjoni biex b'hekk titnaqqas kemm jista jkun il-povertà minn Malta. 
Apparti t-tfal, ġenitur li jrabbi lil uliedu waħdu hu meqjus bħala l-iktar persuna li faċli tispiċċa vittma tal-povertà.
Il-konvenzjoni se tibqa’ sejra sa għada u mistenni li jiġu diskussi diversi suġġetti relatati mal-povertà fosthom il-povertà fost in-nisa, it-tfal u l-anzjani.

Filmat: Reel8 Productions