Filmat: 11-il kantant Għawdxi bi stedina għal Bethlehem

Bethlehem f’Għajnsielem issa għandu kanzunetta dwaru kantata minn għadda ta’ kantanti Għawdxin ta’ kull età.

Il-kanzunetta titkellem dwar il-ġrajja tal-Milied u kif xi kultant il-bnedmin ikollom bżonn tfakkira dwarha. Bethlehem f’Għajnsielem iservi bħala tfakkira tal-ġrajja ta’ kif Ġesù sar bniedem. Il-presepju ħaj juri anke ‘l mod ta’ kif kienu jgħixu l-bnedmin f’dak iż-żmien.

Il-kanzunetta tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex iżur dan il-villaġġ. Il-kliem u l-mużika huma ta’ Emanuel Rapa. Il-filmat tal-kanzunetta ġie mfassal minn Manuel Xuereb.

Il-kantanti huma Loredana Agius, Albert-Lauren Agius, Emanuel Rapa, Alfred Rapa, Charlene Muscat, Deborah C., Angelo Muscat, Daphne Xuereb, Charles Buttigieg, Joanne Debrincat u Gordon Mifsud.

Ara meta se jkun animat Bethlehem f’Għajnsielem

Il-qofol ta’ Bethlehem f’Għajnsielem huwa l-grotta tal-Bambin Ġesù, f’liema presepju ħaj jieħdu sehem aktar minn 150 attur. Fi snin preċedenti, l-attrazzjonijiet prinċipali f’dan il-villaġġ tan-Nattività kienu jinkludu l-ħanut tal-mastrudaxxa, il-ħaddied, il-furnar, it-taverna u s-suq tal-ħxejjex, dawk li jagħmlu l-ħwejjeġ mis-suf, is-suq tal-artiġġjanat, il-qiegħa u d-diversi għelieqi bir-rgħajja u l-annimali. L-attività bdiet fl-2008.

FL-2017 artiklu tas-CNN ikklassifika lil Malta fl-ewwel post bħala l-aħjar pajjiż fejn wieħed għandu jqatta’ ż-żmien tal-festi u fost l-oħrajn semma lil Bethlehem f’Għajnsielem bħala l-attrazzjoni prinċipali.

Ritratti: Jibdew iħejju għall-10 edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem