Filmat: 10,000 siegħa ta’ volontarjat fi żmien il-coronavirus; tixtieq tgħin?

Il-voluntiera tal-Malta Health Network għamlu 10,000 siegħa ta’ volontarjat tul Marzu u April, minn meta Malta ntlaqtet mill-pandemija tal-coronavirus. Huma qegħdin ifittxu aktar voluntiera biex jgħinu.

Fl-istadji bikrin tal-pandemija, il-Malta Health Network ingħaqdet mal-VolServ sabiex tgħin lill-ħaddiema tas-saħħa pubblika f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Ix-xogħol li jagħmlu l-voluntiera jinkludi contact tracing, follow-ups mal-pazjenti, li jdaħħlu l-informazzjoni fis-sistema, li jiċċekkjaw it-temperatura ta’ kull min jidħol fiċ-ċentri tal-iswabbing, fost l-oħrajn. Voluntiera oħra jagħtu daqqa t’id billi jagħmlu l-qadi għal nies vulnerabbli, inkella billi jagħmlu t-traduzzjonijiet tal-avviżi tas-saħħa pubblika għall-barranin li joqogħdu f’Malta.

Ix-xogħol li sar minn dawn il-voluntiera tfaħħar mill-Prim Ministru Robert Abela u mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta dawn żaru lill-ħaddiema tas-saħħa pubblika. Kienu grati ħafna lejn il-voluntiera. Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci spjegat li kull biċċa xogħol, kbira kemm hi kbira jew żgħira kemm hi żgħira, hija importanti għall-impenn kontra l-virus.

Għalkemm Malta kisbet riżultati pożittivi s’issa fil-pandemija, għad fadal xogħol xi jsir. Għaldaqstant, ħarġet sejħa ġdida għall-voluntiera.

Tista’ tinkiteb biex issir voluntier hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn