Filmat: “1 minn kull 5 itfal jgħaddu mill-bullying sever”

Wieħed minn kull ħamest itfal ta’ bejn it-tmien snin u t-12-il sena jesperjenza bullying sever skont Andrew Azzopardi, li huwa ċ-Ċerpersin tas-Safeguarding Commission ġewwa l-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Dan qalu f’intervista ma’ Newsbook.com.mt waqt l-ewwel avveniment tal-għaqda non-governattiva bBrave li ġiet stabbilita fl-2017 sabiex tqajjem kuxjenza dwar l-ibbuljar fil-pajjiż. Azzopardi sostna li l-Arċidjoċesi qed tissapportja din l-inizjattiva u sostna li s-Safeguarding Commission b’mod partikolari taħdem kontra l-abbuż.

“78% tat-tfal jesperjenzaw online hate speech

Azzopardi spjega wkoll kif riċerka internazzjonali sabet li 78% tat-tfal f’xi ħin jew ieħor jesperjenzaw forma ta’ kliem li jnissel mibgħeda fuq l-internet. Sostna li din hija xi ħaġa li tinkwieta lilu bħala ġenitur u anke ġenituri oħrajn. Qal li minkejja li l-internet għandu l-pożittiv tiegħu, hemm perikli wkoll li jwasslu għall-bżonn ta’ aktar protezzjoni għat-tfal sabiex dawn jikbru f’ambjent san u pożittiv.

“Jekk tiġi bullied tibżax titkellem” – voluntiera

Néhémie Abbi-Gaël li hija voluntiera fi ħdan bBrave saħqet dwar l-importanza li persuni li jiġu bullied ikunu kuraġġjużi u ma jibżgħux jirrakkuntaw l-istorja tagħhom. Sostniet li b’dan il-mod biss se jkun possibbli li aġir bħal dan jitwaqqaf.