Film Taljan se jibda jinħadem f’Malta

Fil-21 ta’ Lulju mistenni jibda jinħadem f’pajjiżna film Taljan, bl-isem ta’ ‘Andron’, li se juża kumpaniji u ħaddiema Maltin. 
L-aħbar ta’ dan il-film waslet hekk kif delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru Manuel Mallia akkumpanjat miċ-Chief of Staff tal-Ministeru Silvio Scerri u l-Kummissarju tal-Films Engelbert Grech, wara stedina li saritilha, bħalissa qegħda fuq żjara Cinecitta’ biex tkompli ssaħħaħ l-Industrija tal-Films f’pajjiżna.
Waqt din iż-żjara, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ma’ Giuseppe Basso u Cristina Giubetti li huma uffiċjali għolja f’Cinecitta’
Saru wkoll diskussjonijiet dwar studji li jistgħu jsiru biex f’pajjiżna jkollna soundstage li jibbenefika u jkompli jkattar l-Industrija tal-films, hekk kif Cinecitta’ għandha l-akbar soundstage fl-Ewropa.
Il-Ministru Mallia qal li l-mira tal-Gvern hi li jagħmel soundstage għax jemmen li mingħajru l-Industrija tal-Films f’pajjiżna ser tibqa’ taffaċja l-ostakli biex tikber.
Il-Ministru Mallia attenda wkoll għal attività fejn preżenti kien hemm il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.