Film ta’ Agatha Christie jinġibed f’Malta bħalissa

Ritratt: Endemol Media Shine

Bħalissa f’Malta għaddej il-ġbid tal-film televiżiv Agatha And The Curse Of Ishtar għall-istazzjon Ingliż Channel 5.

Dan huwa t-tieni minn sensiela ta’ films dwar Agatha Christie, bl-ewwel wieħed Agatha And The Truth Of Murder diġà xxandar b’suċċess u qiegħed ukoll aċċessibbli fuq Netflix.

B’differenza mill-ewwel film minflok Ruth Bradley fil-parti ta’ Christie hemm l-attriċi Lyndsey Marshall, li ħadmet f’għadd ta’ produzzjonijiet ta’ suċċess bħal Rome u Hanna.

Ritratt:: Tv Wise

F’dan il-film le jeħodna tard fis-Snin 20, Agatha tfittex ispirazzjoni għall-karriera letterarja ġdida tagħha. Friska mid-divorzju tagħha hi tmur lejn l-Iraq fejn hemmhekk tiskopri sensiela ta’ delitti misterjużi.

Fil-kast ta’ dan il-film li mistenni jintwera għall-ewwel darba fl-Ingilterra għal żmien il-Milied jieħdu sehem ukoll Jonah Hauer-King, Stanley Townsend, Jack Dea, Katherine Kingsley, Waj Ali u Rory Fleck Byrne.

Ritratt: Facebook/Henry Zammit Cordina

Wara dan il-film diġa hemm ikkummissjonat ukoll it-tielet film minn din is-sensiela dwar Agatha Christie, liema film s’issa għandu t-titlu ta’ Agatha And The Death of X.

Henry Zammit Cordina fuq is-sett ta’ The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica flimkien ma’ Peter Stormare. Ritratt: Facebook/ Henry Zammit Cordina

Interessanti nsemmu wkoll li minbarra l-produzzjoni dwar Agatha Chistie, f’Malta għaddej ukoll il-filming ta’ The Obscure Life of the Grand Duke of Corsica bis-sehem tal-attur Peter Stormare li ħafna jafuh fis-sensiela Prison Break, kif ukoll f’films bħal Constantine u Armageddon.