Film Matrix ieħor is-sena d-dieħla

Ritratt: Warner Bros

Neo u Trinity se jerġgħu lura għall-Matrix. Keanu Reeves u Carrie-Anne Moss se jerġgħu jingħaqdu għal darb’oħra għar-raba’ film fis-sensiela tal-Matrix maħruġa mill-kumpanija Warner Bros. Lana Wachowski, il-moħħ wara dawn il-films, se tikteb, tidderieġi u tipproduċi l-film il-ġdid. L-aħbar ħarġet f’għeluq l-20 sena minn mindu ħareġ The Matrix fl-1999.

Wachowski qalet li hija tassew ferħana li se terġa’ tagħti l-ħajja lil dawn il-karattri u grata li għandha ċans ieħor li taħdem mal-ħbieb brillanti tagħha.

L-aħbar ġabet bosta mistoqsijiet, fosthom kif se tiżvolġi l-istorja, id-data ta’ meta ħiereġ u meta se tibda l-produzzjoni tal-film. Warner Bros baqgħu siekta dwar dawn il-mistoqsijiet u ma tawx risposta.

Ritratt: Warner Bros

Ta’ min jiftakar li Trinity kienet mietet f’idejn Neo fi tmien il-film Matrix Revolutions qabel ma Neo stess miet kaġun tal-ġrieħi li ġarrab meta qatel lill-viljakk Smith, parti maħduma minn Hugo Weaving.

L-aħħar film tal-Matrix ħareġ fl-2003 u  s-sensiela kollha daħħlet $1.6 biljun minn madwar id-dinja kollha.