Film maħdum f’Malta dwar Sawl ta’ Tarsu

Illum fis-1pm TVM kif ukoll illejla fit-8.05pm fuq l-istazzjon One, se jkun qed jixxandar il-film televiżiv Saul: The Journey to Damascus tal-2014 b’direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi. Fost l-atturi fih insibu lil Kyle Schmid, John Rhys-Davies, Emmanuelle Vaugier, Larissa Bonaci, Paul Portelli, Marc Cabourdin, Sean Buhagiar, John Suda, Godwin Scerri, Joe Quattromani, Jamie Cardona, Narcy Calamatta, Daniel Pace Bonello, Mikhail Basmadijian, u Malcolm Ellul.

Il-film Bibliku li jagħti l-ħajja lil wieħed mill-aktar figuri importanti tal-Kristjaneżmu: Sawl ta’ Tarsu. Bħala mexxej dedikat biex jiddefendi t-twemmin li trabba fih, Sawl jiġġieled għall-fidi u t-tradizzjonijiet tiegħu kontra dawk li kienu qed isusu wara t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.

L-imġiba fanatika tiegħu tilħaq il-qofol tagħha meta jorganizza modi brutali biex jeħles lil Ġudea minn kull min isegwi lil Kristu. B’hekk jingħata t-titlu tal-Biċċier ta’ Tarsu. Waqt li kien sejjer biex ikompli l-persekuzzjoni tiegħu Sawl jagħma u f’qalbu jibda jevalwa mill-ġdid it-twemmin tiegħu wara li taħfirlu mara.

Iżda l-konverżjoni tiegħu lejn it-twemmin nisrani jkollha konsegwenzi fuq Sawl  meta jkollu jaħrab mill-alleati tiegħu li xtaquh iħallas l-aktar prezz għoli għat-tradiment tiegħu.

Saul: The Journey to Damascus