Film maħdum f’Malta mil-lum fuq Netflix

Munich
Xena mill-film Munich li nħadmet fir-Rabat

Wieħed mill-films li wieħed jista’ jara f’dawn il-ġranet permezz ta’ Netflix huwa l-film Munich li kien inħadem f’pajjiżna. Il-ġrajja hi waħda fittizja mnebbħa mir-ritaljazzjoni tal-Gvern Iżraeljan wara l-massakru tal-atleti Iżraeliti waqt l-Olimpjadi Sajfin tal-1972.  Il-film kien ħareġ għall-wiri fl-2006.

Steven Spielberg idderieġa din il-produzzjoni b’Eric Bana fil-parti ta’ Avner li kellu f’idejh it-tmexxija ta’ skwadra ta’ assassini bil-lista ta’ dawk suspettati li kienu mdaħħla fil-qtil tal-11-il atleta Iżraelit.

Il-film kien imnebbaħ mill-ktieb Vengeance: The True Story of an Israeli Counter-Terrorist Team tal-ġurnalist Kanadiż George Jonas. Il-ktieb kien addattat film għall-ewwel darba fl-1986 fil-produzzjoni televiżiva Sword of Gideon.

Ix-xeni maħduma f’Malta kienu dawk li suppost kienu qed isiru f’Tel Aviv, f’Bejrut, f’Cipru u Ateni. Il-lokalitajiet fejn sar il-filming kien jinkludi l-Ajruport internazzjonali ta’ Malta, Buġibba (għax-xena ta’ Ċipru), Marsaxlokk (għax-xena ta’ Ateni), Rabat (għax-xena ta’ quddiem il-kafetterija f’Ruma fejn iseħħ l-ewwel qtil), Sliema (għax-xena ta’ fuq il-promenade f’Tel Aviv), il-Belt Valletta (għal barra ta’ kaffetterija f’Ruma) u l-Birgu.

Fost il-Maltin li taw sehimhom f’dan il-film insibu lil Theresa Gauci. L-art director tal-film kien Ino Bonello, li nistgħu ngħidu li ta is-sehem tiegħu fuq diversi produzzjonijiet barrannin li nħadmu f’pajjiżna u dawn jinkludu A Previous Engagement, Helen of Troy u Julius Caeser.

Kurżitajiet interessanti dwar dan il-film. Il-parti ta’ Ephraim kienet maħsuba għal Ben Kinglsey li però rtira minnu minħabba li l-filming    ma bediex kif previst u ma kienx se jlaħħaq ilesti l-film biex ikun jista jibda jaħdem fuq Oliver Twist ta’ Roman Polanski. Il-parti eventwalment ħadimha Geoffrey Rush.

Kien seħħ ukoll inċident waqt il-filming f’pajjiżna meta trakk miġjub mill-Ġermanja ħa n-nar taħt ċirkustanzi misterjużi. Għall-ewwel kien maħsub li dan seta’ kien xi attakk terroristiku iżda wara rrizulta li dan kien kaġun tas-sħana qawwija li kien hemm.