Film komiku dwar il-Eurovision

L-attur komiku Will Ferrell qed jimpenja ruħu biex jaħdem f’film dwar il-Eurovision u n-Netflix diġa’ nteressat fih!

Ferrell ilu nteressat f’dan il-proġett u diġa kien mar f’Lisbona fil-Portugall biex jagħmel xi ġbid meta s-sena l-oħra kien organizzat hemmhekk. Issa sar magħruf ukoll li Farrell se jkun qiegħed f’Tel Aviv biex jagħmel aktar ġbid biex ikollu materjal għal dan il-film.

Skont l-aħħar rapporti li ħarġu, l-attriċi Rachel McAdams, magħrufa għal films bħal Mean Girls, Spotlight u The Notebook, bdiet taħdidiet biex taħdem f’dan il-film.

Ferrell li stqarr kemm il-darba li huwa fan kbir tal-Eurovision Song Contest, qed jikteb u jipproduċi l-film ma’ Andrew Steele u se jkollu direzzjoni ta’ David Dobkin, l-istess wieħed ta’ Wedding Crashers.

Filwaqt li ma hemmx wisq dettalji dwar dan il-film li s’issa jismu Eurovision, hu mifhum li dan se jkun film komiku li l-ġrajja tiegħu ddur madwar dan il-konkors.

Ferrell ilu jsegwi l-Eurovision Song Contest sa mill-1999 meta martu, li hi Żvediża, ħaditu fid-dar ta’ kuġinitha u kienu qed isegwu l-edizzjoni ta’ dik is-sena.

Hekk kif sar magħruf li Ferrell se jkun qed jiġbed xi filmati għal dan il-film, l-istazzjon nazzjonali tal-Iżrael stiednu wkoll biex jitla’ fuq il-palk waqt waħda miż-żewġ semi finali.

Iżda s’issa m’hemm l-ebda konferma li l-attur aċċetta din il-proposta.

Din mhux l-ewwel darba li kien hemm il-ħsieb li jinħadem film dwar il-Eurovision u fil-fatt fl-2007 kien tħabbar li l-European Broadcasting Union kienet iffirmat kuntratt ma’ kumpanija Ingliża għal Eurovision: The Movie.

Iżda dan il-proġett qatt ma ħa l-ħajja u issa jidher li l-proġett ta’ Ferrell, li m’għandhux x’jaqsam ma’ dak tal-2007, għandu ċans akbar li jiġi finalizzat wara l-ftehim li qed jingħad li ntlaħaq ma’ Netflix.