Film ġdid jinħadem fil-Gżejjer Maltin; Bħalissa l-ġbid qed isir f’Għawdex

Read in English.

Bħalissa fil-gżejjer Maltin għaddej il-ġbid ta’ film, li minn informazzjoni li ksibna t-titlu, jew il-working title tiegħu huwa Carmen.

Dan il-film diġà sar xi ġbid tiegħu f’Malta u bħalissa għaddej dak f’Għawdex.

Ir-ritratti li qed inwasslu huma dawk meħuda f’Wied l-Għasri f’Għawdex fejn fl-aħħar sigħat bdew il-preparazzjonijiet għalih.

Il-Maltija-Kanadiża Valerie Buhagiar li għandha warajha karriera bħala attriċi fi produzzjonijiet magħrufa bħal Mysticons, Degrassi: The Next Generation u Bad Blood qegħda, skont informazzjoni li ksibna, qed tidderieġi dan il-film. Hi dderiġiet bosta xogħlijiet oħra fosthom It’s Hard To Be Human, The Anniversary u The Passion of Rita Camilleri.

Ritratt: Eleanore Studer

 

Bħala attriċi protagonista f’dan il-film Carmen, qed tissemma’ l-attriċi Ingliża Natascha McElhone, li fost is-suċċessi tagħha nsibu l-films Ronin u The Truman Show, kif ukoll sensiliet bħal Californication, Revelations, Saints and Strangers, Designation Survivor u riċentement The First.