Film ġdid: Il-Papa Franġisku Raġel ta’ Kelmtu

Fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku, nhar it-Tlieta li għadda ħareġ film dokumentarju ġdid li fih hemm ħafna konverżazzjonijiet wiċċ imb wiċċ miegħu.
Il-film inkiteb u hu dirett minn Wim Wenders, rebbieħ ta’ tliet Academy Awards, u hu maħsub biex iservi bħala vjaġġ personali mal-Papa Franġisku u mhux bħala bijografija tal-Papa.
Il-film sar b’kooperazzjoni mal-Vatikan, u mistenni jibda jintwera fiċ-ċinema fit-18 ta’ dan ix-xahar.
Fil-film, il-Papa jitkellem u jwieġeb id-domandi li sarulu minn persuni minn kull mixja tal-ħajja fosthom bdiewa, ħaddiema, refuġjati, tfal, anzjani, ħabsin, nies li jgħixu fil-favellas u f’kampijiet ta’ emigranti u oħrajn.
Din is-sinfonija ta’ domandi turi lill-Papa Franġisku fid-diversi vjaġġi tiegħu madwar id-dinja, b’xeni tiegħu jitkellem fin-Nazzjonijiet Magħquda, fil-Kungress Amerikan, jitlob għall-vittmi ta’ Ground Zero u ta’ Yad Vashem, iċ-ċentru f’Ġerusalemm li jfakkar l-Olokawst.
Jidher ukoll jitkellem ma’ priġunieri f’faċilitajiet korrettivi u ma’ refuġjati u jivvjaġġa lejn l-Arti Imqaddsa, l-Afrika, l-Amerika t’Isfel u l-Ażja.
Tul il-film il-Papa jitkellem dwar il-viżjoni tiegħu tal-Knisja u t-tħassib profond tiegħu dwar il-faqar, l-involviment tiegħu fi kwistjonijiet ambjentali, dwar ġustizzja soċjali, u s-sejħa tiegħu għall-paċi kull fejn hemm konflitti.
Fi żmien meta hawn nuqqas kbir ta’ fiduċja fil-politiċi u nies li għandhom il-poter, fejn il-gideb u l-korruzzjoni huma l-ordni tal-ġurnata, "Papa Franġisku – Raġel ta’ Kelmtu" jurina persuna li jgħix dak li jippriedka u li rebaħ il-fiduċja tal-poplu ta’ twemmin u kulturi differenti madwar id-dinja.
Wim Wenders, f’intervista ma’ Vatican News qal li qatt ma ħolom li jagħmel film dwar il-Papa Franġisku.
Żied jgħid li “hu ħallieni fil-libertà bla ndħil mill-Vatikan, anzi l-Arkivji tal-Vatikan tpoġġew għad-dispożizzjoni tagħna għall-kitba u l-produzzjoni ta’ dan il-film.”