Film dwar pjan biex jinqatel Dom Mintoff

Read in English.

Minkejja li l-imxija tal-Covid-19 li laqtet il-produzzjoni tal-films madwar id-dinja, bħalissa l-kumpanja Shadeena Entertainment għaddejja bis-sħiħ bl-addattament għall-film tar-rumanz ta’ Alex Vella Gera Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi ppubblikat mill-Merlin fl-2012.

It-thriller iseħħ fl-1984 u fl-2012 u jesplora l-qagħda soċjopolitika ta’ Malta tas-snin imqallba tat-80ijiet u r-riperkussjonijiet tagħha fis-snin ta’ wara fuq l-isfond ta’ ġrajja fittizja li fil-qofol tagħha hemm pjan biex jinqatel l-eks Prim Ministru Dom Mintoff.

Il-filming, jekk jippermettu r-restrizzjonijiet dwar il-coronavirus, mistenni jibda f’Awwissu. Il-producer hu l-fundatur tax-Shadeena Entertainment Martin Bonnici li se jidderieġi fuq skript ta’ Teodor Reljic. Il-fondi għall-film se jingħataw mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb  wara li l-applikazzjoni tagħhom kienet aċċettata mill-Kunsill is-sena l-oħra.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri qal li l-ħsieb tagħhom hu li joħolqu films li jiġbdu l-udjenzi lejn il-kotba u lejn il-qari inġenerali.

Għal ‘Is-Sriep…’ diġà ntgħażlu xi atturi. Chris Galea jaħdem il-parti ta’ Noel Sammut Petri li meta jasal lura Malta minn Brussell fl-2012 għall-funeral ta’ ommu jibda jikxef xi sigrieti ta’ familtu. Il-parti ta’ missieru, Richard Sammut Petri, jaħdimha Gianni Selvaggi, waqt li dik ta’ Roger Tabone, ħabib tal-familja u mdaħħal fil-kumplott tal-assassinju, jaħdimha Joseph Zammit. Erica Muscat u Tina Rizzo jaħdmu partijiet oħra prinċipali.

Bonnici diġà pproduċa u dderieġa films oħra li nterew ukoll barra minn Malta. Fost dawn, taħt l-awspiċi ta’ Sajjetta Productions is-sena l-oħra, ħa ħsieb jaħdem estratt minn rumanz li fih ħadu sehem bosta atturi li se jaħdmu fil-film. Dan l-estratt se jidher fis-sensiela ‘Storja ta’ Storja’ fuq TVM aktar tard din is-sena.

Ir-rumanz Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi kien rebaħ il-premju għall-Aħjar Ktieb fl-2013.

Aktar tagħrif u aġġornamenti dwar l-addattament tal-film jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin fuq Facebook u fuq Twitter.