Film dwar il-ħajja tal-fundatur tal-Caritas fl-Italja

Giulo Scarpati bħala Don Luigi Di Liegro f'Il Uomo della Carità

Illum fil-5.15pm Mediaset Extra se jkun qed ixandar il-film L’Uomo della Carità: Don Luigi Di Liegro, produzzjoni tal-2006 b’Giulio Scarpati u Carlo Giuseppe Gabardini.  

Il-ġrajja tal-film issegwi l-ħajja tal-fundatur tal-Caritas fl-Italja, Don Luigi Di Liegro. Fis-Snin 50 is-saċerdot ħadem fil-minjieri Belġjani flimkien ma’ immigranti Taljani. Imbagħad fis-Snin 60 mar jgħin fir-raħal ta’ Giano, fuq ix-xatt tat-Tiber. Il-proġett tiegħu spiċċa bil-ħolqien tal-Caritas u l-hostel fejn dawk kollha li jgħixu fil-faqar setgħu jsibu post fejn jistrieħu.

It-taqbida tiegħu wasslitu biex fis-Snin 80 javviċina l-pazjenti tal-AIDS u li jokkupa dar biex fiha jilqa’ lil dawk li ġew miċħuda mis-soċjetà. Fil-bidu tad-Disgħinijiet, wara l-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin u l-bidliet fid-djoċesi ta’ Ruma, Don Luigi ntbagħat fl-Albanija.

Meta rritorna lejn l-Italja beda jaħdem favur l-integrazzjoni razzjali u ċċelebra ż-żwieġ bejn tifla Taljana u tifel Pakistani fl-eks fabbrika Pantanella, li saret kenn għall-immigranti bla dar. Iżda din ma kenitx l-aħħar ġlieda tiegħu.

Il-film ikomplu jesplora l-ħajja ta’ dan il-qassis.

Giulo Scarpati bħala Don Luigi Di Liegro f’Il Uomo della Carità

Oriġinarjament imxandar f’żewġ partijiet, illum Mediaset Extra se jkun qed ixandru sħiħ sad-9.15pm. Bħal-lum ġimgħa f’dan l-istess ħin bejn il-5.15pm u 9.15pm se jixxandar film reliġjuż ieħor, Karol, Un Uomo Diventato Papa, dwar il-ħajja tal-Papa Ġwanni Pawlu II.