Film dwar il-ħajja tal-Papa Franġisku llejla fuq RAI Uno

Għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni Taljana llejla l-istazzjon RAI Uno se jkun qed ixandar għall-ewwel darba film dokumentarju fuq il-ħajja ta’ Papa Franġisku. Il Nostro Papa se jixxandar fl-11.50pm.

Dan hu film ta’ siegħa u 13-il minuta li ħareġ is-sena l-oħra li minbarra li juri ħajjet Papa Franġisku sa meta kien żgħir jiddokumenta wkoll l-eżodu ta’ tant Taljani li ħallew art twelidhom biex isibu ħajja aħjar fl-Arġentina. Fil-fatt il-familja li tnissel minnha Jorge Mario Bergoglio, aktar tard maħtur Papa, kienet minn Piemonte. Il-familja Bergoglio marret toqgħod f’lokalità fqira f’Buenos Aires fis-snin 30.

F’din il-produzzjoni televiżiva nsegwu minn xiex għadda l-Papa fi tfulitu: bħall-futbol, ​​il-passjoni tal-Papa u l-briju tiegħu għat-tim ta’ San Lorenzo de Almagro, kif tgħallem isajjar u fuq kollox ir-relazzjoni tiegħu man-nanna tiegħu Rosa li għadu jżomm l-ittra tagħha li tagħtu fil-ġurnata li sar saċerdot.

Dawn huma l-iktar karatteristiċi moħbija fil-bijografija ta’ dan ir-raġel li kapaċi jippreserva l-awtentiċità antika ta’ umiltà li ġejja sa minn ċkunitu. Dan hu Papa kuraġġuż, mhux biss talli ħadha xi drabi kontra l-ġerarkija ta’ madwaru imma kiser it-tabù tas-segretezza dwar l-abbuż sesswali tal-kleru.

L-istorja tal-film tibda minn attur li jibda jagħmel riċerka dwar il-Papa Frabnġisku sabiex iħejji ruħu għal produzzjoni teatrali li se jkun qed jieħu sehem fiha fi Buenos Aires fl-Arġentina.

Jieħdu sehem Iago Garcia, Manuela Fernández Vivian u Guillermo Auterio.