Film Dokumentarju dwar Albano llejla fuq it-TV

Għal darb’oħra l-istazzjon Taljan Canale 5 se jkun qed jippunta fuq il-kantant ċeebri Albano biex jiġbed l-udjenzi permezz ta’ film dokumentarju li se jkun qed jintwera għall-ewwel darba llejla mid-9.30pm ‘l quddiem.

È La Vita Mia, l-isem ta; dan il-film dokumentarju, għandu produzzjoni ta’ EndemolShine Italy.

Matul din il-produzzjoni ġdida fjamanta li se tixxandar illejla, se jitwasslu filmati minn wara ‘l kwinti tal-programm 55 Passi nel Sole, li ntwera fuq l-istess stazzjon qabel is-sajf u li kien jiċċelebra l-55 sena karriera ta’ dan il-kantant.

Iżda l-programm tal-lejla se jkun qed jitratta wkoll il-ħajja ta’ Albano u għaldaqstant se tkun qed tidher ommu Jolanda, li rajniha diġà ma’ Albano fil-programm li xandar ftit taż-żmien ilu, r-Rete 4, Madre Mia.

Se titwassal ukoll l-istorja ta’ Albano mal-kantanta Romina Power u fil-fatt dan tal-lejla se jiftaħ b’filmati minn kunċert riċenti tagħhom fir-Russja.

È La Vita Mia se jwassal ukoll aspetti partikolari minn ħajjet Albano, fosthom l-istorja tiegħu ma’ Romina, l-imħabba tiegħu lejn il-familja, meta kien iddeċieda li jirtira mix-xena mużikali, meta fl-2016 sofra attakk f’qalbu u saritlu operazzjoni, il-fidi tiegħu fil-Madonna u fuq kollox l-istorja mqanqla tal-għibien misterjuż ta’ Ylenia Carrisi, it-tifla tiegħu ma’ Romina Power.

Appuntament uniku dak tal-lejla li żgur m’għandux jintilef minn dawk kollha li jħobbu l-mużika Taljana.

È La Vita Mia llejla fuq Canale 5, bil-parteċipazzjoni ta’ Jolanda Carrisi, Romina Power kif ukoll ulied Albano.