Filmat: Titnieda l-wage supplement sa Marzu 2021

Aġġornat 02:58 PM

Read in English.

🎥 Inħeġiġkom tingħaqdu magħna fit-tnedija tal-Wage Supplement Scheme 2️⃣0️⃣2️⃣1️⃣

Posted by Miriam Dalli on Monday, January 4, 2021

Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret li l-iskema tal-wage supplement se tkompli titħaddem bejn dan ix-xahar u Marzu ta’ din is-sena. Din l-iskema ġiet emendata wara konsultazzjoni mal-komunità kummerċjali u diversi stakeholders oħra.

Id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet t-Tlieta filgħodu li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli u mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enerprise Kurt Farrugia.

L-iskop tal-wage supplement hu sabiex ikunu mgħejuna negozji li ma jkunux jistgħu ilaħħqu mal-pagi tal-ħaddiema tagħhom minħabba l-efetti tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Ministru Dalli spjegat li t-tibdil li sar fl-iskema jinkludi li l-gvern se jkun qed joffri l-wage supplement lil dawk il-ħaddiema li bdew jaħdmu f’Mejju tal-2020 wara li reġgħu nfetħu ħwienet meqjusa mhux essenzjali u li kienu għalqu fix-xhur ta’ qabel bħala parti mill-miżuri korta l-COVID-19.

Ingħad wkoll li r-reviżjoni tal-iskema tinkludi lil min iħaddem biex jippreżenta dokumenti li juru li l-impjegat ikun irriżenja mill-impjieg tiegħu għax ried hu u li persuna oħra tkun ġiet impjegata minflok bl-istess kundizzjonijiet ta’ xogħol. Ġie spjegat li dan qed isir biex jiġu evitati abbużi mis-sistema u biex id-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu ssalvagwardjati.

Il-Ministru Dalli qalet li l-gvern ma jridx jagħti inċentivi lil kumpaniji u negozji li jkunu keċċew ħaddiema.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat wkoll li 60% tal-applikanti se jkunu qed ikompli jibbenefikaw mill-wage supplement jew se jkunu qed jingħataw żieda.

Negozji li jkunu esperjenzaw telf ta’ 55% jew aktar se jkunu eleġibbli għall-wage supplement sħiħ, dak ta’ €800. Filwaqt li dawk li rreġistraw profitt jew tlef ta’ 9% jew inqas matul is-sena l-oħra mhux se jibqgħu jikkwalifikaw għall-wage supplement.  

Mal-istakeholders qed nitkellmu dwar strateġiji differenti – Dalli

Mistoqsija mill-media dwar id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, meta qal li sa Mejju l-pajjiż jerġa’ jkun ‘business as usual’, il-Ministru Dalli qalet li l-Prim Ministru kien qed jitkellem f’kuntest fejn bħalissa għaddej il-proċess ta’ tilqim bil-vaċċin kontra l-COVID-19.

Dalli qalet li dan il-proċess bħalissa miexi tajjeb u qed joffri tama biex l-ekonomija tkompli tirkupra. Kien hawn fejn semmiet kif il-gvern għaddej b’diskussjonijiet mal-istakeholders fil-qasam tan-negozju sabiex flimkien jaraw it-triq ‘il quddiem wara Marzu 2021.