Filmat: Ma laħaqx ra lilu nnifsu jdoqq waqt F’Ġieħ l-Imħabba

Min isegwi s-sensiela F’Ġieħ L-Imħabba bla dubju li lbieraħ seta’ jsegwi żewġ xeni fejn dehru żewġ mużiċisti jdoqqu. Dawn issa jitqiesu bħala l-aħħar dehra ta’ Dwardu Cachia miż-Żurrieq.

Il-mużika kienet tfisser kollox għal Dwardu li matul is-snin kien idoqq kemm il-kitarra kif ukoll mal-banda u fl-aħħar 15-il sena kien idoqq il-mandolina. L-aħħar li daqq kien fil-Milied.

Dwardu kien ħerqan ħafna li jsegwu ‘l puntata tal-bieraħ ta’ F’Ġieħ l-Imħabba, iżda sfortunatament huwa miet nhar it-3 ta’ Jannar fl-età ta’ 76 sena.

Edward kien twieled fiż-Żurrieq fis-16 ta’ Marzu 1943. Kien it-tieni wild minn 8 ulied ta’ Ġużeppi u Catherine Cachia nèe Zammit

Dwardu kien iżżewweġ lil Marianne nhar l-24 ta’ Jannar 1970.  Kellhom tlett ulied, Frank, Josef u Grace Ann.

Huwa kien iħobb jagħmel l-affarijiet bl-idejn u saħansitra l-ewwel kitarra li kellu kien ħadimha huwa stess.

Tkellimna ma’ Josef, wieħed mit-tlett ulied ta’ Dwardu li qalilna li  Missieri bħal ħafna tfal oħra beda jitgħallem il-banda ġewwa l-każin tas-Socjeta’ Mużikali Santa Katarina V.M. fejn fis-sena 1961 meta kellu 18-il sena beda jdoqq il-kurunetta mal-Banda Santa Katarina VM.  Hawn missieri ta s-servizz tiegħu għal 35 sena fil-banda li tant kien iħobb u apparti li kien ukoll għal xi żmien solista fuq il-kurunetta u jdoqq ukoll il-pistolin, kien ukoll bandist li dejjem imbotta l-quddiem l-idea li l-Banda Santa Katarina VM m’għandiex tkun banda li ddoqq il-mużika klassika biss, iżda wkoll ddoqq mużika moderna u li tolqot lil kull min ikun qed isegwi b’mod speċjali l-Programm Mużikali tat-Tieni Tridwu.” 

Edward minbarra l-impenn fil-Banda għal diversi snin kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ reviżur (awditur) tal-finanzi tas-Soċjetà.

Ħafna nies, speċjalment dawk li żżewġu fis-snin 70 u 80 jafuh idoqq mal-grupp “4 Rings” għax kien daqq fit-tieġ tagħhom.  Grupp ieħor li kien idoqq fih kien jismu Back Beats

Is-sena l-oħra ħadem ukoll ix-xena li dehret ilbieraħ waqt F’Ġieħ l-Imħabba u li qed nerġgħu nwasslu f’din il-paġna bħala tislima lil Edward Cachia.

Strieħ fis-sliem Dward!