Filmat: Il-gwardja tal-kosta Libjana ma jistgħux jagħmlu tfittxijiet ta’ salvataġġ

Rappreżentanti tal-għaqdiet mhux governattivi li jsalvaw l-immigranti, it-Tlieta qalu lill-Membri Parlamentari Ewropej li l-gwardja tal-kosta Libjana ma jistgħux jagħmlu tfittxijiet jew operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

Huma spjegaw li x-xogħol tagħhom jinvolvi s-salvataġġ tal-persuni minn fuq il-baħar u li jsegwu l-liġi marittima huma u jdaħħlu lill-immigranti f’portijiet siguri. Dawn il-kummenti lill-Libertajiet Ċivili u lis-sottokumitat dwar l-affarijiet barranin u d-drittijiet umani saru fid-dawl ta’ dibattiti dwar it-tfittxijiet u l-operazzjonjiet ta’ salvataġġ (SAR) u d-diffikultajiet li jaffaċċjaw l-għaqdiet mhux  governattivi.

Ir-rappreżentanta tal-għaqda Solidarjetà fil-baħar, Pia Klemp qalet li meta l-kriminalizzazzjoni tiġi strateġija, meta s-solidarjetà tiġi kkastigata jew l-eżerċizzji tagħha mfixkla, il-libertà tas-soċjetà u l-valuri fundamentali tad-demokrazija Ewropea jiġu mhedda.