Fil-Veneżwela elezzjoni fl-14 ta’ April li ġej

Fil-Veneżwela, wara l-mewt tal-mexxej Hugo Chavez se ssir elezzjoni presidenzjali fl-14 ta’ April li ġej. L-aħbar ingħatat wara l-ħatra bħala Aġent President tas-suċċessur ta’ Chavez, Nicolas Maduro.

Hugo Chavez miet fil-5 ta’ Marzu li għadda wara battalja twila kontra l-marda tal-kanċer.

Chavez mexxa lil Veneżwela għal 14-il sena, u rebaħ l-aħħar elezzjoni li saret f’Ottubru li għadda b’54% tal-voti.

Maduro ta’ 50 sena wiegħed li jkompli bil-politika tal-eks president u l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika juru li huwa l-favorit li jerbaħ l-elezzjoni li jmiss.